Skip to content

Kronoloġija - Protezzjoni tal-konsumatur

Din il-kronoloġija tinkludi żviluppi ewlenin rigward il-politiki tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE.

  • 2026

    13 ta' Lulju

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal drittijiet aktar b'saħħithom tal-passiġġieri tal-ajru

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni tiegħu għal liġi ġdida li għandha l-għan li tissimplifika, tiċċara u ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.

    Il-qafas il-ġdid isaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri filwaqt li jiżgura bilanċ ġust mar-realtajiet operazzjonali tal-linji tal-ajru. Jgħin ukoll biex tiġi ppreservata l-konnettività madwar l-UE u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal-linji tal-ajru.

    Passiġġier ta' linja tal-ajru li jiġbed bagalja bir-roti jħares lejn tabelli kbar tat-tluq f'ajruport.
    Drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

    Drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

  • 2026

    25 ta' Ġunju

    Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar infurzar aktar effettiv tad-drittijiet tal-passiġġieri

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju biex jaġġornaw ir-regoli dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

    L-għan huwa li tiġi ssimplifikata, armonizzata u mtejba l-konsistenza fil-qafas eżistenti għall-modi kollha tat-trasport.

    Dan japplika b'mod partikolari fir-rigward ta':

    • informazzjoni lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom qabel u matul il-vjaġġ tagħhom
    • il-protezzjoni tal-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa (PMM)
    • it-trattamenttal-ilmenti
    • infurzar aktar effettiv tad-drittijiet tal-passiġġieri
    Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

  • 2026

    15 ta' Ġunju

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim storiku dwar drittijiet aktar b'saħħithom tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju biex jaġġornaw ir-regoli. Il-qafas il-ġdid ser isaħħaħ u jiċċara d-drittijiet tal-passiġġieri.

    Ir-regoli aġġornati jinkludu:

    • gwida aktar ċara dwar kif jintalab kumpens f'każijiet ta' kanċellazzjoni u dewmien
    • assistenza addizzjonali matul it-tfixkil
    • drittijiet ġodda rigward "no shows" u bagalji tal-kabina, u għal persuni bi bżonnijiet speċifiċi
    • drittijiet imsaħħa għall-passiġġieri li jingħataw rotta alternattiva
    Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

  • 2026

    30 ta' Marzu

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal salvagwardji addizzjonali għall-utenti tal-pakketti tal-ivvjaġġar

    Il-Kunsill adotta direttiva li għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vjaġġaturi meta jixtru diversi servizzi, bħal titjiriet, trasferimenti, akkomodazzjoni jew eskursjonijiet, f'pakkett wieħed.

    Ir-regoli aġġornati:

    • jaġġustaw id-definizzjoni ta' "pakketti tal-ivvjaġġar"
    • itejbu l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi
    • jiċċaraw id-drittijiet tal-vjaġġaturi fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' pakkett jew insolvenza tal-fornitur ta' servizz
    Collage li fih għeliem ikoniċi bħat-Torri Eiffel, mitħna tar-riħ, it-Torri Mmejjel ta' Pisa, ajruplan jittajjar fuqhom, u vjaġġatur jiġbed bagalja waqt li jħares lejn mowbajl.
    Pakketti tal-ivvjaġġar

    Pakketti tal-ivvjaġġar

  • 2026

    26 ta' Frar

    Il-Kunsill jappella għal salvagwardji aktar b'saħħithom, konsum sostenibbli, infurzar imsaħħaħ u simplifikazzjoni

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jipprovdu gwida lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-aġenda tal-konsumatur 2030 ta' ħames snin.

    Il-konklużjonijiet jappellaw għal:

    • it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur (b'mod partikolari online)
    • il-promozzjoni ta' konsum sostenibbli
    • infurzar aħjar
    • kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-atturi rilevanti kollha
  • 2025

    18 ta' Diċembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar pakkett li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi filwaqt li jagħti spinta lis-swieq

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar qafas aġġornat għall-investiment bl-imnut biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa u jiġu protetti meta jinvestu. Dan ser jgħin ukoll biex titrawwem il-fiduċja u tiżdied il-kompetittività fis-swieq finanzjarji tal-UE.

    Strateġija dwar l-investiment bl-imnut

    Strateġija dwar l-investiment bl-imnut

  • 2025

    8 ta' Diċembru

    Il-Kunsill japprova r-regolament dwar id-deterġenti u l-aġenti tensjoattivi

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għar-regolament dwar id-deterġenti u l-aġenti tensjoattivi.

    Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser tagħmilha aktar faċli biex jinbiegħu dawk il-prodotti fis-suq tal-UE filwaqt li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Ser tissimplifika wkoll l-informazzjoni għall-konsumaturi u tiċċara r-rekwiżiti tat-tikkettar għall-kumpaniji.

    Ġabra ta' prodotti kimiċi murija fuq sfond isfar, fejn jidhru fliexken u sprejs ta' daqsijiet differenti. Immaġni.
    Sustanzi kimiċi

    Sustanzi kimiċi

  • 2025

    2 ta' Diċembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar reviżjoni tad-direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar li għandha l-għan li tagħmel il-protezzjoni tal-vjaġġaturi aktar effettiva.

    F'pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur jgħaqqad servizzi tal-ivvjaġġar jew servizzi turistiċi differenti bħal titjiriet, trasferimenti, akkomodazzjoni u eskursjonijiet, eċċ. Il-pakketti jinxtraw kemm online kif ukoll offline, u jistgħu jiġu offruti minn operaturi turistiċi, aġenziji tal-ivvjaġġar, trasportaturi, u operaturi oħra.

    Il-ftehim isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi, inaqqas il-piżijiet għall-operaturi u jiċċara l-obbligi tal-organizzaturi tal-pakketti dwar kwistjonijiet bħar-rifużjonijiet, il-protezzjoni mill-insolvenza u l-użu ta' vouchers.

    Collage li fih għeliem ikoniċi bħat-Torri Eiffel, mitħna tar-riħ, it-Torri Mmejjel ta' Pisa, ajruplan jittajjar fuqhom, u vjaġġatur jiġbed bagalja waqt li jħares lejn mowbajl.
    Pakketti tal-ivvjaġġar

    Pakketti tal-ivvjaġġar

  • 2025

    27 ta' Novembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi u jżidu t-trasparenza

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju biex isaħħu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi ta' pagament biex jiġġieldu aħjar kontra l-frodi fil-pagamenti, jagħtu spinta lit-trasparenza dwar it-tariffi, u jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur f'dan il-qasam.

    Binokli b'bar charts riflessi fil-lentijiet maġenb munzell pulit ta' karti tal-flus blu.
    Spjegazzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali

    Spjegazzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali

  • 2025

    17 ta' Novembru

    Il-Kunsill japprova d-direttiva aġġornata dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għal direttiva li taġġorna, tissimplifika, u ssaħħaħ il-qafas eżistenti għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR).

    L-ADR tirreferi għal metodi biex jiġi solvut it-tilwim bejn il-konsumaturi u n-negozjanti barra mill-qorti, normalment bl-assistenza ta' parti terza newtrali.

    It-test ser jagħmel l-ADR aktar aċċessibbli u għażla aktar attraenti għas-soluzzjoni tat-tilwim li jirriżulta minn ftehimiet kuntrattwali, u jagħmel il-qafas tal-ADR adattat għas-suq diġitali.

    Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, l-ADR issa ser tkun disponibbli wkoll għal tilwim bejn konsumaturi bbażati fl-UE u negozjanti minn pajjiżi terzi.

    Mara frustrata bilqiegħda mal-art b'pakkett miftuħ fuq ħoġorha, titkellem fuq it-telefown, bi klassifikazzjoni ta' prodott bi stilla waħda tidher fuqha, li tissuġġerixxi lment ta' konsumatur dwar konsenja diżappuntanti.
    Soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi

    Soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi

  • 2025

    13 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jadotta regoli ġodda biex il-ġugarelli tat-tfal isiru aktar sikuri

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għar-regolament dwar is-sikurezza tal-ġugarelli li ser isaħħaħ ir-regoli dwar is-sikurezza, iżid il-protezzjoni kontra sustanzi kimiċi dannużi u jippromwovi l-użu ta' passaporti diġitali tal-prodotti biex jiffaċilita l-infurzar.

    Ir-regolament il-ġdid dwar is-sikurezza tal-ġugarelli jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-użu fil-ġugarelli ta' diversi sustanzi kimiċi perikolużi, inkluż interferenti endokrinali, sensitizzaturi tal-ġilda, prodotti bijoċidali, u sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS).

    Tifel żgħir jilgħab b'ferrovija tal-injam. Tifla żgħira tilgħab b'dar tal-injam.
    Is-sikurezza tal-ġugarelli

    Is-sikurezza tal-ġugarelli

  • 2025

    5 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jistabbilixxi pożizzjoni dwar regoli aktar ċari u mtejba għall-passiġġieri tal-ajru

    Il-ministri għat-trasport tal-UE laħqu qbil politiku dwar ir-reviżjoni tar-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u r-regolament dwar ir-responsabbiltà tal-linji tal-ajru.

    Il-pożizzjoni komuni tindirizza l-ħtieġa ta' regoli aktar sempliċi u aktar ċari, filwaqt li għandha l-għan li ssib bilanċ aħjar bejn livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri u ż-żamma tal-konnettività u l-kundizzjonijiet ekwi għas-settur tal-avjazzjoni fi ħdan is-suq intern tal-UE.

    Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

    Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

  • 2024

    19 ta' Novembru

    Il-Kunsill jappella għall-għeluq tal-pjattaforma tal-ODR u s-sostituzzjoni tagħha b'għodda aħjar

    Il-Kunsill adotta regolament biex tingħalaq il-pjattaforma Ewropea għas-soluzzjoni online għat-tilwim (pjattaforma tal-ODR) u jitneħħew l-obbligi assoċjati għall-amministrazzjonijiet u n-negozji online.

    F'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-livell ta' prestazzjoni tal-pjattaforma tal-ODR eżistenti ma jiġġustifikax l-ispejjeż pubbliċi u privati meħtieġa biex tinżamm.

  • 2024

    25 ta' Settembru

    Il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar miżuri li jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta' tilwim

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar pakkett ta' miżuri biex jadatta s-soluzzjoni alternattiva ta' tilwim (ADRs).



    L-ADRs huma mekkaniżmu fejn il-konsumaturi jistgħu jsolvu t-tilwim tagħhom mal-kumpaniji qabel ma jmorru l-qorti.

    L-għan huwa li:

    • ikopru tipi ġodda ta' prattika inġusta (eż. reklamar qarrieqi jew imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat)
    • dawn il-mekkaniżmi jsiru aktar faċli biex jintużaw, aktar rapidi u aktar attraenti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kumpaniji
  • 2024

    30 ta' Mejju

    Ekonomija ċirkolari: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għad-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija

    Il-Kunsill adotta direttiva li tippromwovi t-tiswija ta' oġġetti miksura jew difettużi, magħrufa wkoll bħala d-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija (R2R).

    Id-direttiva adottata toħloq sett ta' għodod u inċentivi biex it-tiswija ssir aktar attraenti għall-konsumaturi. Dawn jinkludu: 

    • il-ħtieġa li l-manifatturi jsewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew skont il-liġi tal-UE
    • id-disponibbiltà ta' formola ta' tiswija volontarja b'informazzjoni ċara dwar il-proċess ta' tiswija (skadenzi, prezzijiet, eċċ.)
    • pjattaforma online tal-UE fejn il-konsumaturi jistgħu faċilment isibu servizzi ta' tiswija
    • l-estensjoni tal-garanzija legali bi 12-il xahar jekk il-konsumaturi jagħżlu t-tiswija minflok is-sostituzzjoni
  • 2024

    15 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar regolament biex tiżdied is-sikurezza tal-ġugarelli

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu (mandat ta' negozjar) dwar ir-regolament dwar is-sikurezza tal-ġugarelli.

    Ir-regolament għandu l-għan li jaġġorna r-regoli biex it-tfal jiġu protetti mir-riskji relatati mal-użu tal-ġugarelli.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tintroduċi diversi elementi ta' titjib, li:

    • jiċċaraw l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi u tas-swieq online
    • jistabbilixxu l-kontenut tal-passaport diġitali tal-prodotti u tat-twissijiet
    • iżidu l-għadd ta' sustanzi li l-preżenza tagħhom fil-ġugarelli hija pprojbita
  • 2024

    20 ta' Frar

    Drittijiet tal-konsumatur: approvazzjoni finali għad-direttiva tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

    Il-Kunsill adotta direttiva biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Bis-saħħa tal-miżuri l-ġodda, il-konsumaturi tal-UE ser:

    • ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli biex jagħmlu l-għażliet ekoloġiċi t-tajba, inkluż b'rabta mal-obsolexxenza bikrija
    • ikunu protetti aħjar kontra asserzjonijiet ekoloġiċi żleali
    • ikunu infurmati aħjar dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti qabel jixtruhom

    Id-direttiva tintroduċi wkoll tikketta armonizzata b'informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali ta' durabbiltà offruta mill-produtturi.

  • 2024

    18 ta' Marzu

    Turiżmu: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu għar-regolament dwar il-kiri għal żmien qasir

    Il-Kunsill adotta regolament dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data b'rabta mas-servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir.

    Dan l-att leġiżlattiv ser:

    • isaħħaħ it-trasparenza fil-qasam tal-kirjiet ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir
    • jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jirregolaw din il-parti dejjem aktar importanti tas-settur tat-turiżmu
    • jippermetti kompetizzjoni ġusta fis-settur filwaqt li jiggarantixxi l-kwalità għall-konsumaturi

    B'mod ġenerali, ir-regolament ser jikkontribwixxi għal ekosistema aktar sostenibbli tat-turiżmu u jappoġġa t-tranżizzjoni diġitali tagħha.

  • 2024

    2 ta' Frar

    Ekonomija ċirkolari: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil proviżorju dwar id-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar id-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija. L-elementi ewlenin huma:

    • dritt għall-konsumaturi li jitolbu lill-manifatturi jsewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew skont id-dritt tal-UE (pereżempju, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, vacuum cleaners jew mobiles)
    • formola Ewropea ta' informazzjoni dwar it-tiswija mingħajr ħlas
    • pjattaforma ta' tiswija online biex il-konsumaturi jiġu konnessi mas-sewwejja
    • estensjoni ta' 12-il xahar tal-perjodu ta' obbligazzjoni tal-bejjiegħ wara t-tiswija ta' prodott

    Bil-ħolqien ta' inċentivi għall-produtturi u l-konsumaturi biex itawlu ċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser tnaqqas ukoll l-iskart u tippromwovi mudelli ta' negozju aktar sostenibbli.

  • 2023

    14 ta' Diċembru

    Ekonomija ċirkolari: Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà għall-ekonomija ċirkolari

    F'ekonomija ċirkolari, il-prodotti jitfasslu biex ikunu aktar durabbli, ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, jistgħu jissewwew u jiġu aġġornati. Meta prodott jiġi modifikat sostanzjalment, barra mill-kontroll tal-manifattur oriġinali, u jsir disponibbli fis-suq jew jerġa' jitqiegħed fis-servizz, il-liġi l-ġdida tiżgura li:

    • il-kumpanija jew il-persuna li għamlet il-modifika sostanzjali jenħtieġ li tinżamm responsabbli bħala l-manifattur tal-prodott modifikat
    • kull min isofri ħsara minn prodott difettuż huwa intitolat għal kumpens: danni jinkludu mewt jew korriment personali, inkluż dannu medikament rikonoxxut għas-saħħa psikoloġika, ħsara lill-proprjetà, kif ukoll qerda jew korruzzjoni irriversibbli tad-data
    • l-importatur ta' prodott jew komponent difettuż minn manifattur mhux tal-UE jista' jinżamm responsabbli għad-danni
    • il-konsumaturi għandhom ċans ġust li jirċievu kumpens f'każijiet kumplessi
  • 2023

    22 ta' Novembru

    Ekonomija Ċirkolari: il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar direttiva li tħaddan id-dritt tal-konsumaturi għat-tiswija

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva proposta dwar regoli komuni li jippromwovu t-tiswija ta' oġġetti, magħrufa wkoll bħala d-direttiva dwar id-dritt għat-tiswija.

    It-test propost għandu l-għan li jneħħi l-ostakli li jiskoraġġixxu lill-konsumaturi milli jsewwu minħabba inkonvenjenza, nuqqas ta' trasparenza jew diffikultà biex jaċċessaw is-servizzi ta' tiswija.

    Il-mandat tal-Kunsill:

    • jiċċara l-obbligu tal-manifattur li jsewwi
    • jillimita r-rekwiżit li tiġi pprovduta formola ta' tiswija għal dawk li għandhom obbligu legali li jsewwu prodotti difettużi
    • jippromwovi pjattaforma Ewropea ta' tiswija online
    • jipproteġi l-libertà tal-għażla tal-konsumaturi bejn it-tiswija u s-sostituzzjoni
  • 2023

    16 ta' Novembru

    Turiżmu: Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil biex iġibu aktar trasparenza fil-kirjiet ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir

    Bħala parti mill-isforzi li għaddejjin biex tiġi promossa ekosistema tat-turiżmu bbilanċjata fl-UE, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar il-proposta għal regolament dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data għal servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir.

    Ir-regoli l-ġodda ser:

    • jarmonizzaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni għall-ospitanti, inkluż billi jipprovdulhom numru ta' reġistrazzjoni uniku
    • jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jfasslu politiki infurmati
    • isaħħu t-trasparenza fis-settur
  • 2023

    9 ta' Ottubru

    It-talba għal self ser tkun aktar sikura fl-UE wara l-approvazzjoni finali tal-Kunsill għad-direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur

    Il-Kunsill adotta d-direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur, li għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni għall-konsumaturi Ewropej li japplikaw għal kreditu.

    Ir-regoli l-ġodda:

    • jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kreditu, bħall-kost totali tal-kreditu, tiġi ppreżentata b'mod ċar u li jinftiehem
    • jistabbilixxu regoli ta' reklamar aktar stretti biex jitnaqqas il-kreditu abbużiv għal konsumaturi b'dejn eċċessiv u miżuri effettivi kontra s-sovradebitu
    • jobbligaw lis-selliefa jivvalutaw jekk il-konsumaturi jistgħux iħallsu lura l-kreditu tagħhom
    • iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex ikopri self ta' inqas minn €200 u prodotti li jinxtraw issa u jitħallsu aktar tard
    • jagħtu lill-konsumaturi d-dritt li jitterminaw ftehim ta' kreditu fi żmien 14-il jum, u jagħtu lis-superstiti tal-kanċer id-dritt li jintesew
  • 2023

    19 ta' Settembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim proviżorju biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa għat-tranżizzjoni ekoloġika

    Id-direttiva biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa għat-tranżizzjoni ekoloġika għandha l-għan li tiġġieled kontra l-prattiki kummerċjali żleali li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħmlu l-għażliet it-tajba għal prodotti u servizzi aktar ekoloġiċi jew aktar ċirkolari.

    Il-ftehim proviżorju jintroduċi ħafna titjib:

    • l-inklużjoni ta' asserzjonijiet żleali bbażati fuq kumpens għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-lista ta' prattiki kummerċjali pprojbiti
    • informazzjoni aħjar dwar l-obsolexxenza bikrija
    • l-introduzzjoni ta' format armonizzat biex tiżdied il-viżibbiltà tal-garanzija kummerċjali volontarja tad-durabbiltà
  • 2023

    6 ta' Ġunju

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod

    Il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar id-direttiva li tikkonċerna l-kuntratti ta' servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod.

    Ir-regoli l-ġodda jinkludu:

    • informazzjoni prekuntrattwali aktar ċara
    • id-dritt li jintalab intervent mill-bniedem meta l-kummerċjant juża għodod online, bħal chatbots
    • funzjoni ta' rtirar li hija faċli biex tinstab
    • il-protezzjoni minn tekniki ta' dark pattern iddisinjati biex jinfluwenzaw l-għażliet tal-konsumaturi
  • 2023

    22 ta' Mejju

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu għar-regoli l-ġodda dwar il-makkinarju.

    Il-Kunsill adotta r-regolament il-ġdid dwar il-makkinarju.

    It-test ġdid:

    • jarmonizza r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà għall-makkinarju fl-UE
    • color: inherit; jippromwovi l-moviment liberu tal-makkinarju
    • color: inherit; jiżgura livell għoli ta' sigurtà għall-ħaddiema u ċ-ċittadini
  • 2023

    16 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta regoli ġodda dwar is-swieq fil-kriptoassi

    Il-Kunsill adotta formalment regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA) li, għall-ewwel darba, jpoġġi lill-kriptoassi u l-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi taħt qafas regolatorju fil-livell tal-UE.

    Ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li:

    • itejjeb it-trasparenza
    • jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja
    • iżid il-protezzjoni tal-konsumatur
    • irawwem l-innovazzjoni
  • 2023

    3 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

    Il-Kunsill adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu dwar il-proposta għal direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill:

    • issaħħaħ id-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni
    • tipprojbixxi l-asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi
    • tintroduċi format grafiku armonizzat tal-Unjoni Ewropea, biex jgħin lill-konsumaturi jirrikonoxxu l-garanziji kummerċjali ta' durabbiltà

    Il-proposta hija waħda mill-inizjattivi li jinsabu fl-aġenda tal-konsumatur ġdida tal-Kummissjoni tal-2020.

  • 2023

    2 ta' Marzu

    Il-Kunsill jaqbel dwar pożizzjoni dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data għal kirjiet ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir

    Il-ministri approvaw il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill rigward proposta għal regolament dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta' data relatata ma' servizzi ta' kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir.

    Dawn ir-regoli l-ġodda ser ikunu ta' benefiċċju għal kulħadd:

    • l-ospitanti ser ikollhom proċedura ta' reġistrazzjoni faċli
    • il-pjattaformi ser ikollhom sett uniku ta' regoli għall-informazzjoni li jridu jipprovdu
    • il-vjaġġaturi ser ikunu protetti aħjar kontra l-frodi
    • l-awtoritajiet ser ikunu jistgħu jirregolaw abbażi ta' data preċiża u affidabbli
  • 2023

    25 ta' April

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal-leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha l-prodotti għall-konsumaturi ser isiru aktar sikuri

    Illum, il-Kunsill adotta r-regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (GPSR) li jsaħħaħ ir-regoli tas-sikurezza għall-prodotti mibjugħa kemm offline kif ukoll online.

    Is-swieq online ser ikollhom:

    • jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li ser ikunu jistgħu jordnawhom ineħħu prodotti perikolużi mill-pjattaformi tagħhom
    • jistabbilixxu punt uniku ta' kuntatt inkarigat mis-sikurezza tal-prodotti

    Il-GPSR jagħmilha wkoll aktar faċli għall-konsumaturi biex isewwu, jirritornaw jew jissostitwixxu prodotti mhux sikuri:

    • jekk jirriżulta li prodott mhuwiex sikur, l-operaturi ekonomiċi jridu jadottaw miżuri korrettivi minnufih u jinfurmaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq
    • jekk prodott jissejjaħ lura, il-konsumaturi ser ikollhom id-dritt li jissewwielhom, jibdluh jew jingħataw il-flus lura
  • 2022

    2 ta' Diċembru

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaqblu li jtejbu l-protezzjoni għall-konsumaturi li japplikaw għall-kreditu

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar id-direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur, parti mill-aġenda l-ġdida tal-konsumatur li tnediet fl-2020.

    Id-direttiva għandha l-għan li timmodernizza u ssaħħaħ il-protezzjoni fil-livell Ewropew għall-konsumaturi li japplikaw għall-kreditu, pereżempju billi tiżgura li l-informazzjoni dwar il-kreditu tiġi ppreżentata b'mod ċar u li jinftiehem, u li tkun adattata għall-apparati diġitali.

    Id-direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur ser tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata meta japplikaw għall-kreditu u jkunu protetti minn prattiki ta' self irresponsabbli li jistgħu jwasslu għal dejn eċċessiv.

    Biex ilaħħqu max-xejra tad-diġitalizzazzjoni, ir-regoli l-ġodda dwar il-kreditu issa ser japplikaw ukoll għal ċertu self riskjuż li huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva attwalment fis-seħħ.

  • 2022

    24 ta' Ottubru

    Il-ministri tal-UE jagħtu l-approvazzjoni finali għal port tal-iċċarġjar wieħed tajjeb għal kulħadd

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għad-direttiva dwar iċ-ċarġers komuni.

    Id-direttiva ser tagħmel port tal-iċċarġjar tat-tip USB-C obbligatorju għal varjetà wiesgħa ta' tagħmir elettroniku. Iċ-ċarġer komuni ser itejjeb il-konvenjenza tal-konsumatur billi jarmonizza l-interfaċċi tal-iċċarġjaru t-teknoloġija tal-iċċarġjar rapidu.

    Barra minn hekk, id-direttiva ser tħalli l-għażla lill-konsumatur biex jixtri tagħmir ġdid b'ċarġer jew mingħajru. Dan ser inaqqas l-iskart elettroniku assoċjat mal-produzzjoni, it-trasport u r-rimi taċ-ċarġers.

    Għall-parti l-kbira tat-tagħmir, ir-regoli l-ġodda jridu jiġu implimentati fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva.

    L-infografika hija dwar il-bidliet u l-benefiċċji li ġġib magħha l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni għal kull tip ta' tagħmir
    Ċarġer komuni għat-tagħmir elettroniku kollu tiegħek (Infografika)

    Ċarġer komuni għat-tagħmir elettroniku kollu tiegħek (Infografika)

  • 2022

    4 ta' Ottubru

    DSA: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti online

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Id-DSA huwa mistenni li joħloq ambjent online aktar sikur.

    Id-DSA:

    • jipproteġi l-ispazju diġitali kontra t-tixrid ta' kontenut illegali
    • jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-utenti
    • jiddefinixxi responsabbiltajiet ċari u akkontabilità għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, (eż. il-media soċjali, is-swieq online)
    Spazji individwali li juru l-istati membri differenti tal-UE u d-data tal-kummerċ elettroniku tagħhom
    Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

    Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

  • 2022

    20 ta' Lulju

    Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti

    L-istati membri qablu dwar mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (GPSR).

    Hekk kif għadd dejjem akbar ta' konsumaturi jixtru oġġetti u prodotti online, il-proposta GPSR timmodernizza r-regoli għas-swieq online u taġġornahom għan-negozji online.

    Ir-regoli riveduti għas-sikurezza ġenerali tal-prodotti għandhom l-għan li jiżguraw li l-prodotti tal-era diġitali jilħqu l-istandards Ewropej tas-sikurezza.

  • 2022

    18 ta' Lulju

    Id-DMA: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal regoli ġodda għal kompetizzjoni ġusta online

    Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għal regoli ġodda għal settur diġitali ġust u kompetittiv permezz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA).

    Id-DMA joħloq kondizzjonijiet ekwi diġitali bi drittijiet u regoli ċari għall-pjattaformi online kbar ("gwardjani") biex jiżgura li ħadd minnhom ma jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu.

    Ir-regolamentazzjoni tas-suq diġitali fil-livell tal-UE ser tiżgura settur diġitali ġust u kompetittiv, sabiex il-kumpaniji u l-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali.

    Att tal-UE fuq sfond b'tikek sofor u blu, li jirrappreżentaw il-pjattaformi online tal-SMEs
    Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

    Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

  • 2022

    9 ta' Ġunju

    il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar regoli ġodda għall-krediti għall-konsumatur

    Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu ("approċċ ġenerali") rigward ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur.

    Id-direttiva għandha l-għan li tippromwovi prattiki responsabbli u trasparenti tal-atturi kollha involuti fil-kreditu għall-konsumatur, pereżempju billi tiżgura li l-informazzjoni dwar il-krediti tiġi ppreżentata b'mod ċar u li jinftiehem, u tiġi adattata għall-apparat diġitali.

    Il-mandat tal-Kunsill:

    • jipproponi li ċerti prodotti jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni (eż. il-finanzjament kollettiv dirett)
    • jissuġġerixxi deroga parzjali fakultattiva minn ċerti dispożizzjonijiet għal xi wħud mill-prodotti ta' kreditu meqjusa inqas riskjużi
    • jipproponi li jingħaqdu l-formoli ta' informazzjoni prekuntrattwali li għandhom jiġu ppreżentati lill-konsumaturi
  • 2022

    4 ta' April

    L-estensjoni tas-sistema tar-roaming mingħajr tariffi addizzjonali fl-UE

    Il-Kunsill approva l-estensjoni sal-2032 tal-iskema tar-roaming daqslikieku f'pajjiżek, li tippermetti lin-nies jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġi u jużaw l-internet mingħajr ħlas żejjed waqt li jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi oħra tal-UE.

    Ir-regoli l-ġodda ser iżidu t-trasparenza għas-servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal spejjeż addizzjonali, u ser iħarsu wkoll lill-konsumaturi minn kontijiet għolja minħabba roaming involontarju fuq networks mobbli mhux fuq l-art waqt vjaġġ fuq vapur jew ajruplan.

  • 2021

    28 ta' Ġunju

    Il-Coreper japprova ftehim proviżorju dwar id-direttiva dwar l-assigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur

    Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill (Coreper) ta l-appoġġ tiegħu għall-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew dwar l-emendi għad-direttiva dwar l-assigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur

    Ir-regoli l-ġodda ser isaħħu l-protezzjoni tal-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara f'inċidenti ta' vetturi bil-mutur u jtejbu d-drittijiet tad-detenturi tal-poloz.

  • 2021

    13 ta' April

    Il-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar il-programm għas-suq uniku ta' €4.2 biljun għall-2021-2027

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-regolament propost li jistabbilixxi l-programm għas-suq uniku tal-UE għas-snin 2021 sal-2027.

    L-għan ewlieni tal-programm huwa li ċ-ċittadini, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-integrazzjoni tas-suq.

    Għal dak il-għan, jippromwovi azzjonijiet li għandhom l-għan li:

    • itejbu l-governanza u t-tħaddim tas-suq intern
    • isaħħu l-kompetittività tal-intrapriżi tal-UE, b'mod partikolari intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju
    • jippermettu l-iżvilupp ta' standards Ewropej ta' kwalità għolja
    • iżidu l-protezzjoni tal-konsumatur
    • itejbu s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll it-trattament xieraq tal-annimali
  • 2021

    22 ta' Frar

    Aġenda tal-Konsumatur Ġdida: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-Kunsill adotta sett ta' konklużjonijiet b'reazzjoni għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Aġenda tal-Konsumatur Ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli", li tippreżenta viżjoni olistika għall-politika tal-UE għall-konsumatur għas-snin 2020 sa 2025.

    Il-konklużjonijiet:

    • għandhom l-għan li jipprovdu gwida politika
    • jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib tal-konsumaturi fit-tfassil tal-politiki settorjali tal-UE, bħal dawk marbuta mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali
    • jirreferu għall-importanza tal-fiduċja tal-konsumatur biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19

    Il-Kunsill jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza kwistjonijiet bħal:

    • id-"dritt għat-tiswija"
    • protezzjoni tal-konsumatur online u offline
    • sikurezza tal-prodotti
    • il-prevenzjoni ta' dejn eċċessiv
  • 2020

    21 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jadotta drittijiet imtejba tal-passiġġieri tal-ferrovija

    Il-Kunsill adotta riforma tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija li ser issaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri kollha, u b'mod partikolari dawk b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa.

    Id-dispożizzjonijiet aġġornati ser isaħħu r-regoli dwar rotot alternattivi u ser jagħmluha aktar faċli biex ittella' rota fuq ferrovija.

    Ser jippromwovu wkoll l-użu ta' biljetti globali, li jtejjeb il-protezzjoni f'każ ta' konnessjonijiet mitlufa.

  • 2020

    30 ta' Ġunju

    Il-konsumaturi tal-UE jiksbu aċċess għal rimedju kollettiv

    Wara l-qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'Ġunju 2020, il-Kunsill illum adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar abbozz ta' direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

    Id-direttiva titlob lill-istati membri jdaħħlu fis-seħħ sistema ta' azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi kontra l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    Din tkopri azzjonijiet kemm għal inġunzjonijiet kif ukoll għal miżuri ta' rimedju.

    Id-direttiva ġiet proposta mill-Kummissjoni f'April 2018 bħala parti mill-pakkett ''Patt ġdid għall-konsumaturi'' tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jiżgura regoli ġusti u trasparenti għall-konsumaturi tal-UE.

  • 2020

    25 ta' Frar

    Il-Kunsill jadotta regoli ġodda dwar it-tikkettar tat-tajers

    Il-Kunsill adotta regolament b'regoli ġodda dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward ta' parametri bħall-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-qabda fuq l-imxarrab u l-istorbju.

    L-għan tar-regolament huwa li t-tikketti jsiru aktar viżibbli u li l-konsumaturi jingħataw aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħżlu tajers aktar sikuri, aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u li jagħmlu inqas storbju.

    Ir-regolament għad irid jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew.

  • 2019

    8 ta' Novembru

    Karozzi aktar sikuri fl-UE

    Wara ftehim mal-Parlament Ewropew f'Marzu 2019, il-Kunsill adotta regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur u l-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u tal-utenti vulnerabbli tat-triq bil-għan li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' inċidenti fit-toroq.

    Skont ir-regoli l-ġodda, il-vetturi bil-mutur kollha (inkluż trakkijiet, karozzi tal-linja, vannijiet u vetturi utilitarji sportivi) ser ikollhom jiġu mgħammra bil-karatteristiċi ta' sikurezza li ġejjin:

    • assistenza intelliġenti tal-veloċità
    • faċilitazzjoni għall-istallazzjoni ta' interlock tal-alkoħol
    • sistemi ta' twissija għall-ħedla u l-attenzjoni tas-sewwieq
    • sistemi ta' twissija avvanzati kontra d-distrazzjoni tas-sewwieq
    • sinjali ta' waqfien ta' emerġenza
    • sistemi li jidentifikaw ir-rivers
    • reġistraturi tad-data tal-avvenimenti
    • monitoraġġ preċiż tal-pressjoni tat-tajers
  • 2019

    8 ta' Novembru

    Il-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE ser tissaħħaħ

    Wara ftehim mal-Parlament Ewropew f'Marzu 2019, il-Kunsill adotta direttiva li timmodernizza d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tiffaċilita l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi.

    Id-direttiva tiggarantixxi standards ogħla ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE meta jixtru prodotti jew servizzi online.

    Tipprevedi wkoll miżuri aktar robusti kontra prattiki kummerċjali żleali jew qarrieqa fl-UE kollha.

    Din id-direttiva hija parti mill-"Patt Ġdid għall-Konsumaturi", imniedi mill-Kummissjoni fl-2017.

  • 2019

    14 ta' Ġunju

    L-UE tadotta regolament biex iżżomm prodotti perikolużi barra mis-suq intern

    Il-Kunsill adotta regolament li jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq sabiex jiżgura li l-prodotti introdotti fis-suq fl-UE jkunu sikuri u konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    Ir-regolament:

    • jikkonsolida l-qafas eżistenti għal attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq
    • jindirizza l-isfidi tal-kummerċ elettroniku u l-kummerċ online internazzjonali
    • iħeġġeġ azzjonijiet konġunti mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq minn diversi stati membri
    • jintroduċi fluss tax-xogħol għalkollox diġitali biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni
    • joħloq qafas imsaħħaħ għall-kontrolli fuq prodotti li jidħlu fis-suq uniku u għal kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali
  • 2019

    15 ta' April

    L-UE tadotta regoli ġodda dwar il-kuntratti ta' bejgħ għal oġġetti u kontenut diġitali

    Il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jagħmilha aktar faċli u sikur għall-konsumaturi biex jixtru u għall-kumpaniji biex ibiegħu kemm oġġetti kif ukoll kontenut diġitali b'mod transfruntier.

    Id-direttiva dwar il-kontenut diġitali tipprevedi li:

    • jekk ma jkunx possibbli li d-difetti jitranġaw fi żmien raġonevoli, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew għal rimborż sħiħ
    • il-perjodu ta' garanzija ma jistax ikun iqsar minn sentejn

    Id-direttiva dwar il-bejgħ tal-oġġetti tintroduċi:

    • perjodu ta' garanzija minimu ta' sentejn
    • perjodu ta' sena għall-inverżjoni tal-oneru tal-provi favur il-konsumatur

    L-għan huwa li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni u ċertezza legali għall-konsumaturi Ewropej, b'mod partikolari f'każ ta' xiri transfruntier kif ukoll biex isir aktar faċli għan-negozji, speċjalment l-SMEs, biex ibiegħu fl-UE kollha.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Lulju 2026