"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Pagi minimi adegwati fl-UE

L-UE trid ittejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tan-nies, billi tistabbilixxi qafas għal pagi minimi adegwati fl-Ewropa.

L-UE għamlet regoli ġodda tal-UE li jippromwovu pagi minimi statutorji adegwati fl-Ewropa u jgħinu biex jinkisbu kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar għall-impjegati fl-Ewropa.

It-test finali tad-direttiva dwar pagi minimi adegwati ġie adottat mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2022.

Ir-regoli tal-UE dwar il-pagi minimi kif jistgħu jkunu ta' benefiċċju?

Fl-UE kollha, hemm differenzi kbar bejn l-istati membri mil-lat ta' kopertura tal-ħaddiema permezz ta' ftehimiet kollettivi u l-livell tal-pagi minimi. Dan huwa parzjalment minħabba l-mudelli differenti ħafna tas-suq tax-xogħol u livelli differenti ta' introjtu fl-istati membri.

Id-direttiva l-ġdida dwar pagi minimi adegwati għandha l-għan li tgħin biex jinkisbu kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-impjegati fl-Ewropa.

Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti

Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu standard ta' għajxien deċenti. Dan huwa deskritt taħt il-prinċipju 6 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fil-Kapitolu 2, li jkopri kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa proklamazzjoni konġunta mill-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, fejn jintrabtu li jimplimentaw 20 prinċipju fil-qasam tal-politika soċjali.

Djalogu soċjali u involviment tal-ħaddiema

Il-ħaddiema – jew ir-rappreżentanti tagħhom – għandhom id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati minn qabel biżżejjed dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom. Dan huwa l-prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ukoll taħt il-Kapitolu 2.

Grupp varjat ta' ħames ħaddiema, li jinkludu bidwi, kok, xjenzat, ħaddiem manwali u professjonist kreattiv.

Drittijiet soċjali fl-UE

Kif ir-regoli l-ġodda tal-UE jiżguraw protezzjoni aħjar u aktar effettiva tal-paga minima

Id-direttiva stabbiliet regoli ġodda tal-UE dwar:

  • proċeduri biex tiġi stabbilita u aġġornata l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji
  • il-promozzjoni ta' negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi
  • aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima għal dawk il-ħaddiema li huma intitolati għal paga minima skont il-liġi nazzjonali

Adegwatezza tal-pagi minimi statutorji

L-istati membri b'pagi minimi statutorji huma mitluba jistitwixxu qafas biex jistabbilixxu u jaġġornaw dawn il-pagi minimi skont sett ta' kriterji ċari.

Aġġornamenti għall-pagi minimi statutorji ser isiru mill-inqas kull sentejn (jew mhux aktar tard minn kull erba' snin għal dawk il-pajjiżi li jużaw mekkaniżmu ta' indiċjar awtomatiku).

Madankollu, id-direttiva ma tippreskrivix livell speċifiku ta' paga minima li l-istati membri jridu jilħqu.

Promozzjoni ta' negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi

It-tisħiħ tan-negozjar kollettiv huwa mod kif jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu u jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Ġie nnutat li l-pajjiżi b'kopertura għolja ta' negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkollhom sehem iżgħar ta' ħaddiema b'paga baxxa u pagi minimi ogħla minn dawk b'kopertura baxxa ta' negozjar kollettiv.

Wieħed mill-għanijiet tad-direttiva huwa li jiżdied l-għadd ta' ħaddiema li huma koperti minn negozjar kollettiv fir-rigward tal-iffissar tal-pagi. Għalhekk l-istati membri għandhom jippromwovu l-kapaċità tas-sħab soċjali li jinvolvu ruħhom f'negozjar kollettiv.

L-istati membri b'kopertura ta' negozjar kollettiv ta' inqas minn 80% għandhom jistabbilixxu pjan ta' azzjoni biex jippromwovu n-negozjar kollettiv. Il-pjan ta' azzjoni għandu jistabbilixxi skeda ta' żmien ċara u miżuri speċifiċi biex tiżdied progressivament ir-rata tal-kopertura tan-negozjar kollettiv.

X'inhu negozjar kollettiv?

In-negozjar kollettiv huwa l-proċess li bih il-ħaddiema, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, jinnegozjaw kuntratti ma' min iħaddimhom jew mal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddimhom biex jiddeterminaw it-termini tal-impjieg tagħhom, inkluż:

  • paga u benefiċċji
  • sigħat u liv
  • politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-impjiegi

Aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima

It-test jistipula li l-istati membri ser jieħdu miżuri biex itejbu l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima statutorja. Miżuri għal dan il-għan jinkludu:

  • kontrolli mill-ispettorati tax-xogħol
  • informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-protezzjoni tal-paga minima
  • l-iżvilupp tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar li jieħdu azzjoni kontra impjegaturi mhux konformi

Ġbir u rapportar tad-data

L-istati membri għandhom jimmonitorjaw il-kopertura u l-adegwatezza tal-pagi minimi. Barra minn hekk, ser jintalbu jirrapportaw kull sentejn lill-Kummissjoni dwar:

  • ir-rata ta' kopertura ta' negozjar kollettiv
  • il-livell tal-paga minima statutorja
  • is-sehem tal-ħaddiema koperti mill-paga minima statutorja

L-istati membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hija pprovduta esklużivament minn ftehimiet kollettivi għandhom jirrapportaw dwar ir-rati tal-paga l-aktar baxxi stabbiliti minn dawk il-ftehimiet kollettivi u dwar il-pagi ta' dawk li ma jkunux koperti minnhom. Il-Kummissjoni ser tanalizza din id-data u tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

Fil‑Kunsill

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta tagħha dwar direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE liż-żewġ koleġiżlaturi, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, f'Ottubru 2020.

Fil-Kunsill, il-fajl ġie eżaminat mill-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet Soċjali, li jittratta l-ħidma leġiżlattiva kollha relatata mal-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali.

Proposta għal direttiva dwar pagi minimi adegwati

Matul il-presidenza Ġermaniża, il-presidenza u l-Kummissjoni taw informazzjoni dwar il-proposta għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea. Kien hemm diskussjoni qasira dwar id-direttiva waqt il-laqgħa tal-Kunsill impjiegi u politika soċjali f'Diċembru 2020.

Rapport ta' progress dwar id-direttiva dwar pagi minimi adegwati

Il-presidenza Portugiża infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-direttiva dwar pagi minimi adegwati. Il-ministri kellhom ukoll l-opportunità li jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar it-titjib u l-elementi kritiċi tal-proposta.

Id-diskussjonijiet iffokaw fuq il-punti li ġejjin:

  • l-introduzzjoni tat-terminu "promozzjoni" u s-sostituzzjoni tal-kelma "iffissar"
  • it-tħassib tal-istati membri li din id-direttiva toħloq drittijiet individwali għall-ħaddiema
  • regoli speċifiċi għall-baħħara (koperti mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu)
  • il-protezzjoni tal-paga minima permezz ta' negozjar kollettiv kontra l-protezzjoni permezz ta' pagi minimi statutorji

Dawn id-diskussjonijiet stabbilixxew triq 'il quddiem possibbli għal aktar negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.

Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali)

Il-ħidma tal-presidenza Slovena bniet fuq il-progress tajjeb li sar mas-sħab tat-triju tagħha, il-Ġermanja u l-Portugall, kif imniżżel fir-rapport ta' progress tal-presidenza Portugiża.

Il-presidenza Slovena ppreżentat lill-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet Soċjali erba' proposti ta' kompromess suċċessivi, li ġew diskussi waqt sitt ijiem sħaħ ta' laqgħat tal-grupp ta' ħidma u f'ħafna diskussjonijiet bilaterali fil-livelli kollha.

Id-diskussjonijiet iffokaw fuq il-punti li ġejjin:

  • is-salvagwardja tal-kompetenza tal-istati membri għall-iffissar tal-pagi minimi
  • it-tħassib tad-delegazzjonijiet rigward il-mudelli tax-xogħol nazzjonali u s-sistemi tal-iffissar tal-pagi differenti
  • approċċi differenti biex tinkiseb l-adegwatezza
  • l-enfasi fuq il-promozzjoni tal-adegwatezza u n-negozjar kollettiv
  • il-ħidma biex jintlaħaq l-objettiv li ma jkunx hemm biss pagi minimi ġusti iżda wkoll pagi minimi deċenti
  • preferenza li l-istati membri jkunu jistgħu jagħżlu liberament il-valuri ta' referenza indikattivi
  • possibbiltà ta' obbligu ta' rappurtar mhux kull sena, iżda kull sentejn
  • informazzjoni għall-ħaddiema

Il-ħidma ffukat fuq li jinsabu soluzzjonijiet ta' kompromess għat-tħassib u li jintlaħaq bilanċ fit-test filwaqt li jinżamm l-appoġġ tal-istati membri u li t-test jinżamm simplifikat b'mod adatt.

Fil-Coreper tal-24 ta' Novembru 2021, maġġoranza wiesgħa ta' delegazzjonijiet appoġġaw il-ħidma li saret mill-presidenza.



Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-impjiegi u l-politika soċjali f'Diċembru, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar liġi tal-UE dwar pagi minimi adegwati fl-UE. Il-ministri ssottolinjaw li filwaqt li t-test irrappreżenta bilanċ fraġli bejn il-pożizzjonijiet tal-istati membri, huwa rrifletta ċ-ċentru ta' gravità ta' dawk il-pożizzjonijiet.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim proviżorju dwar liġi ġdida tal-UE

F'Ġunju 2022, il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju dwar id-direttiva dwar il-pagi minimi li tistabbilixxi qafas proċedurali għall-promozzjoni ta' pagi minimi adegwati madwar l-UE u, speċifikament, biex:

  • jippromwovi negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi
  • jippromwovi livelli adegwati ta' pagi minimi statutorji
  • itejjeb l-aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima għall-ħaddiema kollha

Il-ftehim li ntlaħaq ġie kkonfermat mill-Coreper u segwit minn vot formali kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill jadotta t-test finali tad-direttiva

Il-Kunsill adotta d-direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-4 ta' Ottubru 2022.

L-istati membri għandhom sentejn biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali.

Id-dimensjoni soċjali tal-UE

Id-direttiva dwar pagi minimi adegwati hija parti mill-impenn tal-UE li ttejjeb il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nies fl-UE.

F'Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE qablu li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

Il-ħidma fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi jew il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi hija wkoll parti mill-impenn tal-UE għal Ewropa soċjali aktar b'saħħitha.

Stampa: Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha.

Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Ara wkoll

Regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

Ir-regoli tal-UE dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi

Il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi

L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Ottubru 2022