Skip to content

Ir-reżiljenza tal-foresti u l-protezzjoni tal-foresti

L-UE hija impenjata li tissalvagwarda l-foresti u ttejjeb il-kapaċità tagħhom sabiex jifilħu għall-isfidi klimatiċi u ambjentali.

Ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-foresti

Il-foresti qed jiffaċċaw dejjem aktar pressjonijiet u riskji bħall-pesti, it-tniġġis u n-nirien, li kollha huma aggravati mit-tibdil fil-klima.

Sabiex il-foresti jsiru aktar reżiljenti jridu jiġu megħjuna jadattaw għat-tibdil fil-klima u jsiru aktar reżistenti għal theddid bħall-pesti, in-nixfa u n-nirien.

Il-protezzjoni tal-foresti hija meħtieġa għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-iżgurar tal-produttività fit-tul, u l-preservazzjoni tal-ħabitats naturali.

Ir-regoli tal-UE dwar il-foresti

Hemm diversi inizjattivi u liġijiet tal-UE fis-seħħ biex jappoġġaw il-foresti. Dawn jinkludu:

  • monitoraġġ tal-foresti
  • regoli dwar il-materjal riproduttiv tal-foresti
  • ir-restawr tan-natura
  • regoli għall-prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni
  • tnaqqis tal-emissjonijiet mill-użu tal-art u l-forestrija
  • strateġija għall-foresti
  • finanzjament għall-foresti

Monitoraġġ tal-foresti

Informazzjoni dwar il-foresti ta' kwalità għolja u komparabbli hija essenzjali għal:

  • il-monitoraġġ tat-theddid u tal-istress għall-foresti
  • it-titjib tar-reżiljenza tagħhom kontra r-riskji
  • it-traċċar tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-UE dwar il-bijodiversità u l-klima
  • it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' politika bbażati fuq l-evidenza u t-titjib tal-prevenzjoni tad-diżastri fil-foresti.

Madankollu, id-data attwali dwar il-foresti tal-UE hija mxerrda, mhux kompluta u skaduta, u dan jirriżulta f'diskrepanza sinifikanti fl-għarfien.

B'liġi ġdida dwar il-monitoraġġ tal-foresti, l-UE għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ ta' kwalità għolja li tiġbor u tikkondividi informazzjoni armonizzata dwar il-foresti fil-livell tal-UE, li tkopri l-foresti kollha u art imsaġġra oħra.

Is-sistema għandha l-għan li tibni fuq inventarji nazzjonali u skemi ta' rapportar, bl-użu ta' sett ta' indikaturi komuni biex tiġi żgurata data forestali f'waqtha u komparabbli u informazzjoni aġġornata dwar id-disturbi naturali u d-diżastri forestali.

Fl-24 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament il-ġdid (approċċ ġenerali). Iż-żewġ leġiżlaturi tal-UE – il-Kunsill u l-Parlament – iridu jaqblu dwar it-test finali qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda.

Lenti tiffoka fuq siġra, filwaqt li tenfasizza d-dettalji u t-tessuti kumplessi tagħha.

Materjal riproduttiv tal-foresti

Iż-żrieragħ u l-pjanti ta' kwalità għolja jew materjal riproduttiv ieħor tal-foresti huma kruċjali għaż-żamma ta' foresti b'saħħithom u għaż-żieda tar-reżiljenza tal-foresti. Jeħtieġ li jkunu ġenetikament diversi, traċċabbli u adatti għal kundizzjonijiet klimatiċi futuri.

L-UE adottat regolament ġdid biex tissostitwixxi d-direttiva tal-Kunsill tal-1999 dwar il-materjal riproduttiv tal-foresti, li jimmodernizza kif il-materjal jiġi prodott, ikkummerċjalizzat u użat għall-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u skopijiet oħra ta' tħawwil tas-siġar, bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Minħabba ċ-ċikli tal-ħajja twal tal-foresti u l-ispejjeż għolja tagħhom, il-forestiera jeħtieġu informazzjoni affidabbli dwar l-oriġini u l-ġenetika tal-materjal biex jiġi żgurat li dan ikun adatt għall-kundizzjonijiet lokali.

Ir-regolament jiffoka fuq żewġ oqsma:

  • it-traċċabbiltà: Il-materjal riproduttiv tal-foresti jrid jiġi minn siġar ġenituri rreġistrati u jinżamm separat matul il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni
  • l-assigurazzjoni tal-kwalità: l-awtoritajiet kompetenti japprovaw is-sostenibbiltà tas-siġar ġenituri u jiċċertifikaw il-materjal riproduttiv

Fil-21 ta' April 2026, il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda; il-Parlament Ewropew għamel l-istess fid-19 ta' Mejju 2026.

Id-data tal-applikazzjoni tar-regolament il-ġdid ġiet stabbilita għal ħames snin, biex jingħata żmien biżżejjed għall-adattament ta' aktar minn 25 sena ta' prattika nazzjonali stabbilita u biex tiġi implimentata s-sistema l-ġdida ta' kontroll.

Ir-restawr tan-natura

L-ewwel liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura, li għandha l-għan li ttejjeb il-bijodiversità fil-foresti, ilha fis-seħħ mill-2024.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jtejbu l-istat tal-foresti permezz ta' indikaturi speċifiċi li jgħinu biex titkejjel is-saħħa tal-ekosistemi tal-foresti. Dan jinkludi l-kejl ta':

  • l-ammont ta' injam mejjet, li jipprovdi ħabitat għal bosta organiżmi tal-foresti u jikkontribwixxi għall-formazzjoni tal-ħamrija
  • l-għadd ta' speċi ta' għasafar

Barra minn hekk, l-istati membri jridu jikkontribwixxu għat-tħawwil ta' mill-inqas tliet biljun siġra fl-UE sal-2030.

Ir-regolament il-ġdid huwa parti mill-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.

Prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni

L-UE daħħlet fis-seħħ regoli li għandhom l-għan li jirregolaw id-dħul fis-suq tal-UE u l-esportazzjoni mill-UE ta' oġġetti li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fuq livell dinji.

Ir-regoli jiżguraw li dawn il-prodotti u l-ktajjen tal-provvista tagħhom "ma jinvolvux deforestazzjoni".

Tnaqqis tal-emissjonijiet mill-użu tal-art u l-forestrija

Bir-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), li ilu fis-seħħ mill-2023, l-UE trid tiżgura li sal-2030 is-settur tal-LULUCF ineħħi aktar CO2 milli jemetti.

Il-foresti jaqdu rwol vitali biex tintlaħaq din il-mira peress li jaqbdu madwar 10% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE kull sena, u għalhekk huma bil-bosta l-akbar bir ta' karbonju fl-UE.

Għalhekk, ir-regolament jinkoraġġixxi prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħat-tħawwil ta' foresti ġodda (riforestazzjoni), l-espansjoni ta' żoni forestali (afforestazzjoni) u t-titjib tal-ġestjoni tal-foresti eżistenti biex jissaħħaħ il-ħżin tal-karbonju.

Ir-regolament huwa parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", sett ta' liġijiet imfassla biex jgħinu lill-UE tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% fl-2030, kif stabbilit fil-liġi Ewropea dwar il-klima u li tpoġġi lill-UE fit-triq lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.

Finanzjament għall-foresti

Skont il-politika agrikola komuni (PAK), l-UE tappoġġa l-foresti permezz tal-fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali. Madwar 90% tal-finanzjament tal-UE għall-foresti jiġi minn dan il-fond. Il-flus jintużaw għall-investiment fil-foresti u għall-ġestjoni tagħhom, inkluż azzjonijiet bħar-riforestazzjoni, iż-żieda tar-reżiljenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tal-ħsara.

Għall-perjodu attwali tal-PAK 2023-2027, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jallokaw finanzjament għal miżuri relatati mal-foresti permezz tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom.

Strateġija tal-UE għall-foresti

L-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030 għandha l-għan li ttejjeb kemm id-daqs kif ukoll il-kwalità tal-foresti tal-Ewropa filwaqt li ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom għal sfidi bħat-tibdil fil-klima. Hija tfittex ukoll li tappoġġa l-komunitajiet li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq il-forestrija.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-istrateġija f'Lulju 2021. F'Novembru 2021, il-ministri għall-agrikoltura u s-sajd tal-UE approvaw l-istrateġija permezz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill li enfasizzaw:

  • ir-rwol vitali tal-foresti għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent naturali
  • ir-rwol tal-foresti fit-tranżizzjoni lejn bijoekonomija ċirkolari ekoloġika, newtrali għall-klima u kompetittiva
  • l-importanza tal-ibbilanċjar tal-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Ara aktar

Foresti: fatti u ċifri

Foresti: fatti u ċifri

Illustrazzjoni ta' żewġ idejn iwaqqfu l-gass miċ-ċmieni ta' fabbrika.
Tibdil fil-klima: x'qed tagħmel l-UE

Tibdil fil-klima: x'qed tagħmel l-UE

Għaliex huwa importanti li l-ħamrija tinżamm f'saħħitha

Għaliex huwa importanti li l-ħamrija tinżamm f'saħħitha

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Ġunju 2026