- Summit Internazzjonali
Summit UE-Stati Uniti, 20 ta' Ottubru 2023
Riżultati ewlenin
Il-mexxejja tal-UE, inkluż il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, iltaqgħu mal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Antony Blinken, f'Washington DC.
Is-summit kien opportunità biex tiġi riveduta s-sħubija transatlantika mill-qrib u l-oqsma ta' kooperazzjoni fi ħdan is-sħubija. Fi tmiem is-summit, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta, li tinkludi pjan direzzjonali biex isostni u jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni għas-snin li ġejjin.
Relazzjonijiet UE-Stati Uniti
Filwaqt li nirrappreżentaw kważi 800 miljun ċittadin, magħqudin mill-valuri tagħna u marbuta flimkien bl-aktar relazzjoni dinamika fid-dinja, naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna għal sħubija transatlantika li tagħti riżultati għall-popli kollha tagħna. Dikjarazzjoni konġunta UE-Stati Uniti, 20 ta' Ottubru 2023
L-UE u l-Istati Uniti huma sħab mill-qrib u tal-istess fehma li jikkondividu rabta b'saħħitha u impenn għal ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u multilateraliżmu effettiv.
Flimkien, huma forza pożittiva li tippromwovi l-istabbiltà u l-paċi madwar id-dinja u li tindirizza l-isfidi globali fundamentali inkluż xenarju ta' sigurtà mibdul, il-protezzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima.
Is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti ġġib benefiċċji għaċ-ċittadini tagħha fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u l-UE u l-Istati Uniti huma impenjati wkoll biex jibnu l-prosperità u jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Il-mexxejja rrikonoxxew il-valur ta' difiża Ewropea aktar b'saħħitha u aktar kapaċi li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għas-sigurtà globali u transatlantika u hija komplementari għan-NATO u interoperabbli magħha.
Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
Il-mexxejja ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, li qed isegwu mill-qrib.
Nappellaw għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha u nenfasizzaw il-fehma komuni tagħna li soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' t-triq vijabbli għal paċi dejjiema. Dikjarazzjoni konġunta UE-Stati Uniti, 20 ta' Ottubru 2023
L-UE u l-Istati Uniti kkundannaw bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati tal-Ħamas kontra Iżrael u l-poplu tiegħu. Il-mexxejja tennew li Iżrael għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu, f'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali, u esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-kriżi umanitarja f'Gaża li sejra għall-agħar.
Il-mexxejja enfasizzaw ukoll l-importanza li jaħdmu mill-qrib mas-sħab biex:
- jipproteġu lill-persuni ċivili
- jappoġġaw jew jagħtu assistenza lil dawk li qed jippruvaw isibu post sikur
- jiffaċilitaw l-aċċess għall-ikel, l-ilma, il-kura medika u l-kenn
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna
L-UE u l-Istati Uniti wrew tmexxija konġunta fl-appoġġ tagħhom lill-Ukrajna wara l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn fit-tul tagħhom għall-Ukrajna, inkluż permezz ta' appoġġ diplomatiku, finanzjarju u militari. Huma tennew ukoll id-determinazzjoni tagħhom li:
- jiżguraw li r-Russja terfa' r-responsabbiltà kollha għall-gwerra tagħha
- jimmiraw atturi minn pajjiżi terzi li jappoġġaw il-gwerra b'mod materjali
- jinfurzaw b'mod konġunt is-sanzjonijiet u l-miżuri ta' kontroll tal-esportazzjonijiet
L-UE u l-Istati Uniti wrew kooperazzjoni bla preċedent biex jiġi organizzat rispons transatlantiku komuni għall-gwerra u l-konsegwenzi globali tagħha. F'dan ir-rigward, huma affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jaħdmu mal-komunità globali biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-enerġija, tal-ekonomija u tas-sigurtà tal-ikel li ġabet magħha l-gwerra tar-Russja.
Kummerċ u ekonomija
L-UE u l-Istati Uniti huma sħab ekonomiċi mill-qrib b'rabtiet kummerċjali u ta' investiment b'saħħithom, u huma minn ta' quddiem nett fit-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali. Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza tal-kummerċ u l-investimenti fir-relazzjoni tagħhom u ddiskutew kif ser isolvu l-kwistjonijiet pendenti.
L-UE u l-Istati Uniti huma determinati wkoll li jżidu r-reżiljenza ekonomika u s-sigurtà ekonomika tagħhom billi:
- jindirizzaw prattiki ekonomiċi mhux tas-suq li huma distorsivi
- inaqqsu l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista
- isaħħu l-ktajjen ta' provvista transatlantiċi
- jindirizzaw ir-riskji għas-sigurtà teknoloġika u l-ħrib tat-teknoloġija
- jiġġieldu kontra l-koerċizzjoni ekonomika
Il-mexxejja evalwaw ukoll il-progress li sar fl-arranġament globali dwar l-azzar u l-aluminju sostenibbli u dwar ftehim immirat dwar il-minerali kritiċi.
Kummerċ UE-Stati Uniti: fatti u ċifri (Infografika)
It-tibdil fil-klima u l-enerġija
Il-mexxejja tennew ir-rieda tagħhom li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050, inkluż billi jreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità u jipproteġu l-oċeani tagħna.
Fid-dawl tat-28 Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) li jmiss f'Dubai, l-UE u l-Istati Uniti ħeġġew azzjoni ambizzjuża mill-atturi ewlenin l-oħra kollha u appellaw lill-pajjiżi kollha biex jilħqu l-għan li jżidu b'mod drammatiku l-kapaċità globali tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija.
L-UE u l-Istati Uniti huma impenjati wkoll fil-ħidma li għaddejja tal-Wegħda Globali b'rabta mal-Metan, li nedew f'Novembru 2021. Billi jingħaqdu mal-wegħda, il-pajjiżi jimpenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.
It-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali
L-UE u l-Istati Uniti jinsabu minn ta' quddiem nett ta' trasformazzjoni teknoloġika u diġitali li tikkontribwixxi biex l-ekonomiji tagħna jsiru aktar sostenibbli u kompetittivi, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura.
F'dan ir-rigward, il-mexxejja impenjaw ruħhom li:
- joħolqu ekosistema diġitali sigura u kompetittiva
- jibnu spazju transatlantiku komuni għall-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-enerġija
- jagħmlu t-teknoloġija innovattiva affordabbli għad-dinja kollha
- jippromwovu approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-intelliġenza artifiċjali
Affarijiet globali
Il-Balkani tal-Punent
L-UE u l-Istati Uniti għandhom interess komuni f'Balkani tal-Punent stabbli u siguri. F'dan il-kuntest, il-mexxejja appellaw lill-partijiet fid-Djalogu bejn Belgrad u Pristina biex inaqqsu b'mod urġenti t-tensjonijiet u jerġgħu jibdew id-djalogu.
Il-mexxejja esprimew ukoll l-appoġġ tagħhom għall-perspettiva tal-UE tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u ħeġġew lis-sħab kollha biex ikomplu jagħmlu riformi biex javvanzaw fit-triq Ewropea tagħhom.
Armenja-Ażerbajġan
L-UE u l-Istati Uniti huma impenjati li jippromwovu paċi dejjiema fl-Armenja u l-Ażerbajġan, ibbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku tas-sovranità, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-integrità territorjali.
F'dan il-kuntest, il-mexxejja appellaw li:
- l-Ażerbajġan jiżgura d-drittijiet u s-sigurtà ta' dawk li jibqgħu fin-Nagorno-Karabakh u għal dawk li jixtiequ jirritornaw lejn djarhom
- il-partijiet kollha jaderixxu mal-prinċipju li ma tintużax il-forza u t-theddid tal-użu tal-forza
Afrika
Filwaqt li jaqsmu interess komuni f'Afrika paċifika, demokratika u reżiljenti, il-mexxejja laqgħu l-adeżjoni tal-Unjoni Afrikana bħala membru permanenti tal-G20.
Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jaħdmu flimkien mas-sħab biex jippromwovu s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fl-Afrika ta' Fuq u biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà fis-Saħel.
Reġjun Indo-Paċifiku
L-UE u l-Istati Uniti jappoġġaw reġjun Indo-Paċifiku ħieles u miftuħ li jista' jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-prosperità tar-reġjun f'konformità mal-valuri demokratiċi u d-dritt internazzjonali.
Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-reġjun, u f'konformità mal-istrateġiji Indo-Paċifiċi rispettivi tagħhom, l-UE u l-Istati Uniti ser ifittxu li:
- jespandu s-sensibilizzazzjoni dwar id-dominju marittimu
- jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fil-konnettività
- jirrispondu għall-manipulazzjoni tal-informazzjoni barranija
- iżidu l-koordinazzjoni ċibernetika
- jinkoraġġixxu l-isforzi li għaddejjin biex jitħarsu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ukoll:
- l-appoġġ sod tagħhom għaċ-ċentralità u l-unità tal-ASEAN
- is-sħubija mal-pajjiżi Gżejjer tal-Paċifiku
Ċina
L-UE u l-Istati Uniti huma lesti jibnu relazzjoni kostruttiva u stabbli maċ-Ċina biex jindirizzaw l-isfidi globali u jiddiskutu oqsma ta' interess komuni.
F'dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Uniti appellaw liċ-Ċina biex:
- tieħu sehem f'fora internazzjonali biex jiġu diskussi kwistjonijiet bħall-kriżi tal-klima u tal-bijodiversità, is-saħħa globali u t-tħejjija għall-pandemiji
- tagħmel pressjoni fuq ir-Russja biex twaqqaf il-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
Sabiex jippermettu relazzjonijiet ekonomiċi sostenibbli maċ-Ċina, l-UE u l-Istati Uniti ser:
- jinvestu fl-ekonomiji proprji tagħhom
- inaqqsu d-dipendenzi u l-vulnerabbiltajiet kritiċi
- jipproteġu ċerti teknoloġiji avvanzati
Il-mexxejja esprimew ukoll it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol furzat fiċ-Ċina.
Finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli
L-UE u l-Istati Uniti huma impenjati li jaċċelleraw il-progress lejn l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u li jimmobilizzaw finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp, inkluż billi jagħmlu l-banek multilaterali tal-iżvilupp aktar effettivi.
Għal dan l-għan, l-UE u l-Istati Uniti ser iżidu l-isforzi biex:
- jipprovdu appoġġ qawwi lill-pajjiżi foqra, b'introjtu baxx u medju
- jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jiġi żblukkat il-kapital privat għall-investimenti
- itejbu s-sħubija għall-infrastruttura u l-investimenti globali
- jippromwovu l-inklużjoni diġitali u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-ktajjen tal-provvista tas-servizzi madwar id-dinja
Kuntest
L-aħħar summit UE-Stati Uniti sar fi Brussell fil-15 ta' Ġunju 2021.
Matul is-summit, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni li tiddeskrivi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'era ta' wara l-pandemija.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Ecaterina Casinge Spokesperson for the European Council President
- +32 488 58 59 08
- +32 2 281 5150
-
Magdalena Buchowska Press officer
- +32 470 88 16 32
- +32 2 281 42 02
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025